Is-Sur Lawrence Dimech kien pijunier tal-ġurnaliżmu fl-Awstralja. Waqqaf il-gazzetta Maltija The Maltese Herald fis-snin sittin u sa ftit ilu kien l-editur ta’ The Voice of the Maltese. Dimech serva wkoll bħala konslu ġenerali ta’ Malta fi New South Wales bejn l-1971 u l-1977. Kien membru u fundatur tal-Melita Eagles Paramatta Soccer Club u għal ħafna snin, President tal-Kunsill Malti ta’ New South Wales.
Mill-1977 sal-1985 huwa kien maħtur mill-Gvern Federali Awstraljan bħala direttur u koordinatur tal-Paramatta Migrant Resouce Centre. Lawrence Dimech huwa wieħed mill-kolonni u mexxejja tal-komunità Maltija fl-Awstralja li kellu sehem fl-iżvilupp u l-ġrajjiet ewlenin li għaddiet minnhom il-komunità Maltija fl-Awstralja f’dawn l-aħħar sittin sena.