Il-kabinett nazzjonali appoġġja l-miżuri ġodda tal-ivvjaġġar internazzjonali u domestiku biex isaħħaħ il-protezzjonijiet tal-COVID-19 b’rispons għat-theddida tikber ta’ varjant tal-coronavirus mir-Renju Unit li huwa infettiv ħafna.
Brisbane u l-inħawi ta’ madwar kienu ddikjarati wkoll bħala “postijiet ta’ periklu għall-virus” f’livell tal-Commonwealth, wara li cleaner ittestjat pożittiv għall-varjant ġdid tal-virus – u hekk is-city kellha tingħalaq għal tlett ijiem.
Skont il-bidliet, passiġġieri li jivvjaġġaw bl-ajru lejn l-Awstralja għandu jkollhom test negattiv għall-COVID-19 qabel jitilqu lejn l-Awstralja u l-limiti ta’ passiġġieri li jistgħu jiġu l-Awstralja minn barra tnaqqas ukoll.
Passiġġieri fuq titjiriet mir-Renju Unit se jkunu suġġetti wkoll għal ittestjar ta’ malajr għall-varjant il-ġdid tal-coronavirus qabel jitilgħu abbord l-ajruplan għall-Awstralja.
Il-maskri se jkunu mandatorji fuq it-titjiriet kollha domestiċi u internazzjonali u f’ajruporti domestiċi fl-Awstralja – minbarra tfal taħt it-12 il-sena – dan huwa rrakomandat f’ajruporti barra l-Awstralja.
"Dan il-virus qed ikompli jaġixxi skont r-regoli tiegħu, u dan ifisser li aħna għandna nkomplu nadottaw ruħna kif niġġildulu,” qal Morrison.
Se jkun hemm xi eżenzjonijiet għall-ħtiġijiet tal-ittestjar, bħal ħaddiema staġjonali minn pajjiżi b’riskju baxx tal-virus, fejn hemm aċċess limitat għall-ittestjar, li minflok ikunu suġġetti għal iċċekkjar “skont il-ħtiġijiet tagħhom”.
Il-limitu ta’ vjaġġaturi internazzjonali fl-Awstralja tnaqqas sa Frar
Il-limiti ta’ vjaġġaturi internazzjonali li jaslu lura l-Awstralja tnaqqas b’50 fil-mija fi New South Wales, Western Australia u Queensland.
Il-limitu rivedut fi New South Wales se jonqos għal 1,505 persuna fil-ġimgha, f’ Western Australia għal 512 fil-ġimgħa u fi Queensland għal 500 fil-ġimgħa.
Fil-Victoria se jkompli jkun hemm kapaċità ta’ 490 persuna kull ġimgħa – wara li dan in-numru kien imnaqqas qabel, wara t-tieni mewġa tal-coronavirus f’dan l-istat.
Il-kabinett nazzjonali qabel dwar it-tnaqqis ta’ vjaġġaturi sal-15 ta’ Frar f’laqgħa tal-mexxejja statali u territorjali l-Ġimgħa.
Morrison qal li 80 fil-mija tal-Awstraljani rreġistrati barra issa qegħdin f’pajjiżi fejn il-varjant ġdid tal-coronavirus huwa evidenti.
"Hemm ħafna affarijiet li ma nafux u inċertezzi rigward din l-imxija ġdida tal-virus, u għalhekk qegħdin nieħdu prekawzjoni, nemmnu li din hija xi ħaġa sensibbli" qal.
L-Uffiċjal Mediku Ewlieni Paul Kelly qal li r-rispons “aħrax, ta’ malajr u qawwi” għandu l-għan biex jikkumbatti l-perikli ta’ trasmissjoni aktar għolja ta’ dan il-coronavirus ġdid li huwa aktar infettiv.
"Il-kwistjoni ewlenija tagħna hija li nżommu n-nies fl-Awstralja siguri u biex verament niżguraw li din l-imxija partikulari tal-virus ma tkunx dik li tibda tinxtered fl-Awstralja," qal.
"Ir-raġuni hija għaliex ikun aktar diffiċli li nikkontrollaw."
Il-ħaddiema kollha tal-kwarantina issa se jkunu ttestjati kuljum.
Il-membri tal-ekwipaġġ internazzjonali għandhom jagħmlu test tal-COVID-19 kull sebat ijiem jew hekk kif jaslu u għandhom jagħmlu kwarantina f’faċilitajiet speċifikati bejn titjira u oħra.
Madwar 38,000 persuna huma rreġistrati bħalissa mad-Dipartiment tal-Affarijiet Barranin u Kummerċ bħala li jridu jirritornaw l-Awstralja minn pajjiżi barranin.